Riproduzzjonijiet kbar ta’ 10 oġġetti mill-mużew tal-arti mgħażula mir-residenti tal-Belt Valletta fit-toroq tal-kapitali
Imtella mill-Fondazzjoni Valletta 2018 u mill-Heritage Malta, Naqsam il-Muża huwa eżerċizzju mmexxi mill-komunità fejn membri ta’ komunità identifikata jagħżlu u jippreżentaw xogħlijiet artistiċi mill-kollezzjoni tal-Arti li dalwaqt ser tkun għall-wiri f’MUŻA. Il-Mużew Nazzjonali tal-Arti bħalissa għaddej minn tranżizzjoni biex isir MUŻA, il-mużew nazzjonali tal-arti ġdid li se jiftaħ il-bibien tiegħu bħala proġett prinċipali fl-2018, meta l-Belt Valletta tkun il-Kapitali Ewropea tal-Kultura.
Il-proġett Naqsam il-MUŻA se jiffoka fuq il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini. Il-proġett tnieda fil-Belt Valletta ma’ 10 membri mill-komunità li żaru l-Mużew Nazzjonali tal-Arti u għażlu l-iktar biċċa xogħol artikstika li laqtithom. Imbagħad, kull parteċipant ippreżenta x-xogħol lill-ħbieb u lill-qraba kif ukoll identifika l-post li fih se tiġi installata r-riproduzzjoni ta’ dak ix-xogħol. Dawn ir-riproduzzjonijiet se jiġu installati fi: Pjazza San Ġorġ, Triq San Ġużepp, Triq Lvant, Triq Marsamxett, Triq it-Teatru l-Antik, is-Sur ta’ Santa Barbara, Strada Merkanti, il-Ġnien tal-Barrakka ta’ Fuq, Triq San Pawl u Triq l-Ifran. Fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, il-proġett se jilħaq bliet u rħula oħrajn madwar Malta kollha bil-Marsa u l-Kalkara jkunu l-irħula li jmiss.
Il-Fondazzjoni Valletta 2018 u Heritage Malta jixtiequ jirringrazzjaw lill-parteċipanti u lill-dawk kollha li qed jappoġġjaw il-proġett.
Biex tkun taf aktar fuq dan il-proġett, żur is-sit www.valletta2018.org, jew il-paġna ta’ Facebook tal-Mużew Nazzjonali tal-Arti.