Madwar 3,000 pupazz f’forom ta’ annimali differenti, 18-il banda lokali, 360 żeffien, mijiet ta’ persuni minn diversi komunitajiet Maltin u Għawdxin, tfal, anzjani, persuni b’diżabilità u ħafna oħrajn, se joħonqu t-toroq tal-Belt Valletta għal Sfilata fil-Kapitali, organizzata minn Valletta 2018 nhar is-Sibt 27 ta’ Ottubru mis-2pm ’il quddiem… u int mistieden tingħaqad magħhom!
L-ispettaklu se jibqa’ għaddej sat-tard, meta jilħaq il-qofol tiegħu b’festin kbir fi Pjazza Tritoni mid-9.30pm ’il-quddiem. Dawk li jattendu jistgħu jistennew diversi sorpriżi sbieħ, fil-forma ta’ mużika, żfin, rappreżentazzjonijiet qosra u rakkontar tal-istejjer, bil-parteċipazzjoni ta’ personalitajiet magħrufa fosthom dawk tant popolari ta’ Min Imissu u Klassi Għalina kif ukoll il-grupp taż-żfin Kinetic.
Diversi pupazzi tal-annimali ta’ kull qies inbnew apposta għal din l-okkażjoni, waqt workshops li saru madwar il-Gżejjer Maltin fl-aħħar xhur. Waqt din l-attività mill-isbaħ, il-parteċipanti li bnew dawn l-annimali mitiċi se jkunu qed janimawhom u jmexxuhom madwar il-Belt Valletta, akkumpanjati minn diversi baned, mużiċisti, żeffiena, u bosta oħrajn. Kulħadd huwa mistieden jingħaqad magħhom.
Jekk għad m’għandekx pupazz, ejja fi Pjazza San Ġorġ fis-2pm u ibni l-pupazz tiegħek, u wara, ingħaqad mal-parata u segwi r-rappreżentazzjonijiet fit-toroq!
Dawk li jattendu għal Sfilata fil-Kapitali jistgħu jibbenefikaw minn rati speċjali meta jużaw il-mezzi ta’ trasport sostenibbli pprovduti minn Nextbike u Tallinja Bikes. Uża l-kodiċi 863386 meta tikri Nextbike, għal vjaġġ ta’ 60 minuta lejn jew lil hinn mill-Belt bla ħlas. Il-kodiċi tista’ tintuża darbtejn, għal żewġ vjaġġi separati. Is-servizz ta’ Tallinja Bikes se jkun disponibbli wkoll għall-ivvjaġġar ġewwa l-Belt, bi skont ta 50% waqt Sfilata fil-Kapitali. Termini u kundizzjonijiet japplikaw.
Programm tal-ġurnata:
2-6pm: Workshops tal-Bini tal-Annimali (Pjazza San Ġorġ)
3-7.30pm: Rakkont tal-istejjer (Spazju Kreattiv, il-Barrakka ta’ Fuq, Pjazza Tritoni, Pjazza Teatru Rjal, Pjazza Kastilja, Malta School of Art)
3-9pm: Żfin quddiem il-Qorti
5pm, 7pm u 9pm: Parodija ta’ Orfeo & Majnun minn Min Imissu u Klassi Għalina (Pjazza Teatru Rjal)
4.30pm sal-5.30pm u s-7pm sat-8pm – Parata ma’ marċi tal-banda, annimali, żfin u rappreżentazzjonijiet madwar il-Belt Valletta (li tibda minn Triq San Pawl, Triq Merkanti, Triq l-Ifran, u tispiċċa fi Pjazza Tritoni). Il-parata se tkun segwita minn rappreżentazzjonijiet fi Pjazza Tritoni
7.30pm u 9.30pm: Valletta Love, Loss and Longing (Pjazza Tritoni)
10pm: Valletta Love Parade minn Neo-X (Pjazza Tritoni)
Niżżel il-ktejjeb ta’ Orfeo & Majnun minn hawn. Għal aktar informazzjoni segwi l-paġna ta’ Valletta 2018 fuq Facebook.
‘Sfilata fil-Kapitali’ hija waħda mill-attivitajiet marbuta mal-proġett Orfeo & Majnun. Orfeo & Majnun: A Tale of Love, Loss & Longing tikkonsisti f’teatru ta’ emozzjonijiet, fejn żewġ stejjer ta’ mħabba antiki minn kulturi differenti jiltaqgħu – dik Griega ta’ Orpheus u Eurydice, u l-istorja ta’ mħabba traġika Persjana ta’ Layla u Majnun.
Orfeo & Majnun hu organizzat minn Valletta 2018 bil-kollaborazzjoni ta’ La Monnaie (BEL), Le Festival International d’Art Lyrique d’Aix-en-Provence (FRA), Wiener Konzerthausgesellschaft (AUT), Krakowskie Biuro Festiwalowe (POL), Operadagen Rotterdam (NLD) u Santa Maria da Feira (PRT).
Orfeo & Majnun huwa kofinanzjat mill-Programm Creative Europe tal-Unjoni Ewropea.
Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria and Bank of Valletta