Dan l-aħħar, iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef kien mistieden jattendi għaċ- ċelebrazzjonijiet tal-51 anniversarju ta’ Malta independenti mill-Kummissjaru Għoli Malti fir-Renju Unit Norman Hamilton, bħala mistieden tal-unur. Din is-sena, il-Kummissjoni Għolja Maltija fakkret dan l-anniversarju b’riċeviment apposta għad-diplomatiċi u persuni influenti fis-settur tal-arti u l-kultura f’Londra. Is-Sur Micallef kien mistiedn biex jindirizza diplomatiċi minn pajjiżi Ewropej kif ukoll lis-Segratju Ġenerali tal-Commonwealth Kamalesh Sharma, flimkien ma’ nies influenti mis-settur tal-arti u l-kultura f’Londra.
Is-Sur Micallef ħa din l-okkażżjoni biex spjega l-ħidma tal-Fondazzjoni Valletta 2018 f’dak li għandu x’jaqsam mal-implimentazzjoni ta’ programm kulturali wiesgħa fil-Belt Valletta u madwar il-pajjiż, bħalissa u sal-2018.
Għal Valletta 2018, din kienet okkażżjoni oħra ta’ ħidma għal kuntatti importanti fi ċrieki internazzjonali tal-kultura b’mod speċjali f’dak li għandu x’jaqsam mad-dimensjoni Ewropea.
Għal din l-okażżjoni s-Sur Micallef ippreżenta lid-diplomatiċi preżenti u artisti oħra is-CD ‘Mediterranean’ li huwa proġett ta’ Valletta 2018 u l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta. Wara din l-okkażżjoni, is-Sur Micallef kellu l-opportunità jiltaqa ma’ grupp ta’ Maltin li attendew kunċert tal-Winter Moods li sar fil-Katidral ta’ St James f’Londra.
Fit-tmiem tad-diskors tiegħu, is-Sur Micallef irringrazzja lis-Sur Hamilton għal koordinament ta’ din il-laqgħa u għax-xogħol li sar biex il-Fondazzjoni Valletta 2018 tistablilixxi iktar kuntatti fit-twettiq tal-programm taghħa.