Iċ-Ċermen ta’ Valletta 2018 Jason Micallef il-ġimgħa l-oħra żar Vjenna, fl-Awstrija, bħala parti minn skambju transkulturali bejn Valletta 2018 u l-Ambaxxata ta’ Malta u r-Rappreżentazzjoni Permanenti ta’ Malta tal-Aġenziji tal-OSKE u tan-NU fi Vjenna. Matul l-iskambju, is-Sur Micallef tkellem b’mod estensiv dwar il-Programm Kulturali u l-legat ta’ Valletta 2018, u iltaqa’ ma’ numru ta’ membri ewlenin fl-industrija kulturali ta’ Vjenna, inkluż id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat tal-Arti u l-Kultura fi ħdan il-Kanċellerija Federali tal-Awstrija, Jurgen Meindl, u l-membru tal-Parlament Provinċjali u tal-Kunsill tal-Belt ta’ Vjenna Sybille Straubinger.
Sar ukoll riċeviment bħala parti mill-iskambju kulturali, li fih indaqqet mużika taħt id-direzzjoni ta’ Dominic Galea. Iż-żjara saħħet ir-relazzjonijiet ta’ Valletta 2018 ma’ bliet oħrajn Ewropej. Il-Fondazzjoni Valletta 2018 tixtieq tesprimi l-gratitudni tagħha lill-ET Keith Azzopardi, l-Ambaxxatur tar-Repubblika ta’ Malta għall-Awstrija, talli għamel dan l-iskambju possibbli.