Il-Fondazzjoni Valletta 2018, flimkien ma TeatrInGestAzione, ħabbret id-dettalji dwar Altofest, proġett li jesplora esperimentazzjoni soċjali permezz tal-arti kontemporanja.

Matul Altofest, ċittadini Maltin se jkunu qed jilqgħu artisti internazzjonali fi djarhom. Dawn id-djar se jsiru postijiet fejn l-udjenza tista’ ssegwi diversi rappreżentazzjonjiet. It-tema ta’ Altofest Malta 2018 hija ‘Nies Leġġendarji’.

Altofest joħloq opportunità unika sabiex wieħed jifhem u jgħix ir-relazzjoni bejn iċ-ċittadini u l-arti. Il-proġett  jitratta dwar kif l-arti toħroġ mill-komunità bħala espressjoni distinta, biex imbagħad issir strument għat-tkabbir soċjali. Il-proġett kulturali, li se jifforma parti mill-ħajja fl-ibliet u l-irħula li qed jipparteċipaw flimkien mal-komunitajiet tagħhom, joħloq mitoloġija ġdida fejn l-eroj huma iċ-ċittadini. Dawn l-eroj isiru ‘eroj kulturali’, skont l-antropoloġisti, li jinfluwenzaw it-tradizzjonijiet taċ-ċittadini l-oħrajn, u li jġibu l-innovazzjoni fil-komunità waqt li jistabilixxu identità kulturali.

Altofest huwa kunċett uniku għal Malta, għax iwassal il-kultura lejn in-nies, permezz ta’ rappreżentazzjonijiet varji fi spazji mhux tas-soltu. Waħda mir-rappreżentazzjonijiet, li se ssir fi Strada Stretta fil-Belt, tagħti lill-udjenza esperjenza unika, immersiva u personali, u l-opportunità li dawk preżenti jipparteċipaw b’mod personali fl-istejjer tan-nies li għexu fi Strada Stretta fl-iżjed żmien kontroversjali tagħha. Rappreżentazzjonijiet oħra jinkludu żfin, kunċerti teatrali, wirjiet li jgħaqqdu l-lingwa tal-ambjent mat-teknoloġija, kif ukoll rappreżentazzjonijiet awdjoviżwali.

Ir-rappreżentazzjonijiet se jsiru f’erba reġjuni differenti madwar Malta, u se jkunu maqsuma fuq erba’ ġimgħat bejn April u Mejju. Bejn l-20 u t-22 ta’ April, ir-rappreżentazzjonijiet se jsiru fir-Rabat, Malta, u fil-Majjistral Park. Bejn is-27 u d-29 ta’ April ir-rappreżentazzjonijiet se jsiru Qormi, il-Ħamrun u Santa Venera. Bejn l-4 u s-6 ta’ Mejju, ir-rappreżentazzjonijiet se jsiru fiż-Żejtun, waqt li bejn il-11 u t-13 ta’ Mejju, ir-rappreżentazzjonijiet se jsiru fil-Belt Valletta, Bormla, il-Birgu, il-Gżira u tas-Sliema.

Dan il-proġett ġie maħluq u organizzat minn Valletta 2018 flimkien ma’ TeatrInGestAzione, taħt id-direzzjoni artistika ta’ Anna Gesualdi u Giovanni Trono.

Dħul huwa bla ħlas, pero wieħed irid jibbukja sabiex jattendi. Dan jista’ jsir minn fuq is-sit www.altofest.net, billi tintbagħat email fuq [email protected], jew permezz ta’ messaġġ fuq +356 79351051.

Afas hawn għall-programm sħiħ ta’ attivitajiet.

Għal iktar informazzjoni żur valletta2018.org u www.altofest.net.