Tafxnaf, film maħluq u prodott minn studenti Maltin u Għawdxin li jinsabu fit-tieni sena tal-iskola sekondarja, se jintwera għall-ewwel darba waqt l-edizzjoni tal-Valletta Film Festival ta’ din is-sena, li se jibda fi tmiem il-ġimgħa.
Tafxnaf hu proġett maħluq minn Valletta 2018 b’kollaborazzjoni ma’ Leeuwarden 2018 u Aarhus 2017. Dan il-proġett ta l-opportunità lil studenti ta’ bejn it-tnax u t-tlettax-il sena biex jesprimu ruħhom permezz tar-rakkontar tal-istejjer, waqt numru ta’ workshops li saru fl-2017.
Studenti tal-‘Form 2’ fi skejjel sekondarji madwar Malta u Għawdex ġew mistiedna jaqsmu u jippubblikaw il-ħsibijiet u l-ħolm tagħhom fil-forma ta’ storja, kemm permezz tal-kotba kif ukoll it-tpinġija, bl-għajnuna ta’ għalliema tal-Iżvilupp Personali, Soċjali u tal-Karriera. Dawn l-awturi żgħar ġew mistiedna jattendu serje ta’ workshops fejn tgħallmu kif japprezzaw il-filmografija, kif ukoll kif jikkonvertu l-istejjer tagħhom f’films. Wara dan, ħames timijiet ta’ studenti ħolqu u produċew film waqt is-sajf tal-2017. Dan il-proġett involva ż-żgħażagħ f’kull stadju.
Il-film prodott se jintwera għall-ewwel darba nhar is-Sibt 9 ta’ Ġunju waqt il-Valletta Film Festival 2018. Il-film se jintwera għall-pubbliku bla ħlas nhar il-Ħadd 10 ta’ Ġunju fis-14.30 u l-Ġimgħa 15 ta’ Ġunju fl-16.30 fit-Teatru tal-Kampus tal-Università fil-Belt Valletta (dħul minn Triq Merkanti). Biex tirriżerva post żur www.vallettafilmfestival.com.
Għal iktar informazzjoni żur valletta2018.org.
Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria and Bank of Valletta